Kawza Kostituzzjonali : L-Ghomor il-Habs

F’Faċilità Korrettiva ma tagħmilx sens li persuna tinżamm maqfula għal dejjem – Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl

 

Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tisħaq li ma jagħmilx sens li persuna tinżamm maqfula għal dejjem fil-ħabs meta qegħda ssir ħidma biex il-ħabs jinbidel f’faċilità korrettiva.
Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl laqgħet b’sodisfazzjon is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għax ingħatat raġun għall-proposti mressqa minnha fil-memorandum mgħoddi lill-partiti politiċi qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet.
Fil-fatt fil-każ ta’ sentenza ta’ għomor il-ħabs, il-Fondazzjoni ssuġġeriet li priġunier li qed jiskonta għomru l-ħabs m’għandux jibqa’ jistrieħ biss fuq il-prerogattiva tal-maħfra iżda għandha tkun estiża s-sistema tal-parole għal dawn il-priġunieri wkoll.
Għaldaqstant il-Fondaz-zjoni mid-Dlam għd-Dawl qiegħda tappoġġja t-talba ta’ Ben Hassine li jkollu l-possibbiltà jinħeles mis-sentenza ta’ għomru l-ħabs.
Fir-risposti tagħha dwar dan il-każ, il-Fondazzjoni saħqet li dejjem kienet kontra sentenzi li m’għandhomx tmiem, jiġifieri li jwasslu sal-mewt fil-ħabs. Il-Fondazzjoni qalet li dan qed jingħad minn ħafna oħrajn, speċjalment f’pajjiżi Ewropej, sakemm ingħatat is-sentenza ftit tal-ġimgħat ilu mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Fil-każ ta’ Ben Hassine u priġunieri oħrajn li qegħdin jiskontaw sentenza ta’ għomor il-ħabs f’Kordin, il-Fondazzjoni qalet li llum, aktar minn qatt qabel, qegħda ssir ħidma biex fil-verità l-ħabs jinbidel f’faċilità korrettiva u allura ma jibqax jagħmel sens li priġunier jinżamm maqful għal dejjem.
Il-Fondazzjoni tisħaq li kull persuna għandha titqies li għandha fiha potenzjal li tagħraf il-ħsara li tkun għamlet, tpatti għaliha u tkun kapaċi tgħix ħielsa fil-ħarsien tal-liġijiet tal-pajjiż. Il-Fondazzjoni temmen ukoll li għalkemm il-ħerqa għall-bidla trid tkun mill-individwu, dan ikun jinħtieġ ħafna għajnuna mill-istituzzjonijiet li jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-Fondazzjoni qalet li biex iseħħ dan kollu li ilha titlob, trid issir emenda fil-liġi tal-parole li tneħħi l-esklużjoni ta’ min qiegħed għomru l-ħabs milli jkun eleiġibbli. Il-Fondazzjoni qalet li priġunier b’sentenza ta’ għomor il-ħabs eventwalment joħroġ mill-ħabs bil-parole, dan se jibqa’ għomru kollu bil-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Bord tal-Parole. Il-Fondazzjoni mid-dlam għad-Dawl bħalma ilha u għadha tagħmel, se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lil kull min joħroġ mill-ħabs.
F’din is-sitwazzjoni trid tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-naħa l-oħra tal-munita, jiġifieri dak li jikkonċerna lill-vittmi. F’dan ir-rigward il-Fondazzjoni dejjem emmnet u wettqet bil-fatti l-bżonn li l-vittmi tal-kriminalità jingħataw kull għajnuna li għandhom bżonn u immedjatament wara li jiġri l-każ.
B’li qegħda titlob il-Fondazzjoni huwa prevvist li min ikollu sentenza ta’ għomor il-ħabs ma jkunx eliġibbli għall-parole qabel igħaddu 25 sena.
Il-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl tgħid li dan għandu jkun biżżejjed biex jissodisfa l-elemenet ta’ tpattija għall-att imwettaq. Għalhekk, qalet il-Fondazzjoni, dawk li jkunu sofrew ikunu wkoll ħadu l-ġustizzja li kien jixirqilhom.

 ( artiklu mill-Gurnal It-Torca tat-18 t’Awwissu )