“Persuni mhux adatti ghall-habs”

Mid-Dlam għad-Dawl (Daritama) tipprotesta kontra ċerta insensitività u imprudenza li bihom xi Onorevoli Maġistrati tal-Ġustizzja qegħdin jaġixxu fil-konfront ta’ ċertu nies ta’ natura partikularment vulnerabbli.

Fil-ġudizzji tagħhom, ċerti Maġistrati japplikaw il-liġi mingħajr ġurisprudenza, speċjalment meta jibagħtu l-ħabs persuni li l-preżenza tagħhom il-ħabs tkun ta’ periklu serju għalihom infushom u anki ta’ diffikultà kbira għall-amministrazzjoni ordnata tal-ħabs. Fil-fehma ta’ Mid-Dlam għad-Dawl, każijiet bħal dawn jikkostitwixxu inġustizzja.

Tliet każijiet partikulari jwassluna biex naslu għal din il-konklużjoni preokkupanti:

  • Il-każ ta’ persuna anzjana ħafna li, barra li hi konsiderevolment marida, għandha diversi inkapaċitajiet fiżiċi inkompatibbli mas-servizzi offruti mill-ħabs.
  • Il-każ ta’ persuna taħt is-sittax-il sena li (akkużata b’reat ħafif) intbagħtet il-ħabs minħabba nuqqas ta’ servizzi alternattivi fil-pajjiż.
  • Il-każ ta’ persuna żagħżugħa (ukoll akkużata b’reat ħafif ħafna) li n-natura sesswali tagħha tpoġġiha f’sitwazzjoni perikoluża ferm għas-saħħa fiżika u mentali tagħha.

Dawn il-persuni, barra oħrajn ukoll, mhuwiex posthom il-ħabs. Mid-Dlam għad-Dawl issostni li l-Qorti setgħet faċilment tagħti sentenzi alternattivi f’dawn il-każijiet u f’oħrajn simili. Hekk il-Ġustizzja kienet tiġi moqdija aħjar.

Għaldaqstant, filwaqt li tipprotesta kontra deċiżjonijiet ġudizzjarji bħal dawn, Mid-Dlam għad-Dawl tappella lill-Maġistrati sabiex juru aktar sensittività u prudenza f’każijiet li jinvolvu persuni partikularment vulnerabbli.