IT-TUCK SHOP FIL-ĦABS TA’ KORDIN
IT-TUCK SHOP FIL-ĦABS TA’ KORDIN
Minkejja l-kritika li ta’ spiss nagħmlu aħna u oħrajn it-tuck shop li minnu BILFORS ikollhom jixtru il-priġunieri baqa’
dejjem bl-istess problemi. Aktar minn hekk ir-risposti uffiċjali għal din il-kritika jippruvaw dejjem jgħattu x-xemx blgħarbiel.
Hekk ġara dan l-aħħar meta ġurnalist ta’ gazzetta bl-ingliż li toħroġ kuljum bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministeru
tal-Intern dwar dan il-ħanut. L-istqarrija tal-Ministeru hija insult għall-intelliġenza ta’ kull min jaraha u ġġegħlek taħseb
dwar kif uffiċjali tal-gvern jaħsbu li jistgħu jbellgħu dak li jridu huma lil kulħadd.
F’din l-aħħar stqarrija il-Ministeru ddeskriva l-ħanut tal-ħabs bħala ħanut tal-merċa f’villaġġ żgħir u li dan il-ħanut
qiegħed jagħmel it-telf. Aħna ċerti li kull ħanut żgħir x’imkien Malta jkun aktar minn kuntent li jkollu klientela ta’ aktar
minn 600 ruħ li BILFORS iridu jixtru mingħandu. Sitwazzjoni bħal din mhux talli ma’ tħallix telf iżda għandha tħalli
qligħ kbir.
L-istqarrija tkompli billi tgħid li l-ħanut tal-ħabs jixtri dak li jkollhom il-priġunieri minn xi ħanut ieħor fil-viċinanzi
tal-ħabs. Apparti l-assurdita’ ta’ sitwazzjoni fejn ħanut biex jaqdi l-klienti tiegħu imur jixtri minn ħanut ieħor, tgħid ilministeru
jridna nemmnu li uffiċjali tal-ħabs joħorġu jixtru minn xi ħanut viċin dak li jkollhom bżonn il-priġunieri?
Il-priġunieri kull ġimgħa jingħataw lista li fiha 140 prodott. Allura jekk imqar nofs il-priġunieri ikollhom bżonn, ngħidu
aħna flixkun ilma, iridu jgħidulnaa li xi uffiċjal imur fil-ħanut ta’ wara l-kantunieri u jixtri 300 flixkun ilma? U dan biex
ma nsemmux kemm affarijiet mill-lista ta’ 140 prodott li jista’ jkollhom bżonn il-priġunieri.
Il-ministeru qal ukoll li l-priġunieri, jekk iridu, jistgħu jitolbu lil tal-familja jixtrulhom huma. Dan mhux veru. Kull
min iżur il-ħabs jaf li xejn mill-140 oġġett fuq il-lista ma jista’ jiddaħħal. Barra minn hekk wieħed ma jistax jemmen li
l-priġunieri huma daqstant stupidi li jixtru affarijiet bi prezz għoli meta jistgħu jitolbu lil tal-familja u dawn jixtruhom bi
prezz orħos.
U la qegħdin insemmu l-prezzijiet kif jista’ jkun li t-tuck shop qiegħed jitlef il-flus meta l-prezzijiet tiegħu huma aktar
għoljin minn dawk li ssib fi ħwienet oħrajn? Kulħadd jaf li meta l-fliexken tal-ilma jinxtraw bil-kwantita’ l-aġenti jagħtu
oħrajn bla ħlas. L-istess jgħodd għal prodotti bħal shampoo, tomato ketchup u mayonnaise li ħafna drabi jinbiegħu żewġ
fliexken marbutin ma’ xulxin għall-prezz ta’ wieħed. Dawn fil-ħanut tal-ħabs jinqalgħu minn ma’ xulxin u jinbiegħu
separati bi qligħ kbir. Għaliex, aħna nistaqsu, dawn l-offerti l-priġunieri ma jibbenefikawx minnhom?
Meta mistoqsi min huma l-uffiċjali li jmorru jixtru u minn liema ħwienet il-ministeru għażel, għal raġuni li jaf huwa biss,
li ma jweġibx. Ikun interessanti wkoll inkunu nafu jekk fuq dan ix-xiri hux qiegħed jitħallas VAT għax meta jixtru ilpriġunieri
dejjem iħallsu din it-taxxa.
Aħna naħsbu li din is-sitwazzjoni issa hija tant ħażina li wasal iż-żmien li ssir inkjesta biex issib u tippubblika it-teġiba
għall-ħafna mistoqsijiet imqajma minna u minn oħrajn u speċjalment mill-familji tal-priġunieri li wara kollox ikunu huma
li jridu joħorġu l-flus biex jinxtraw dawn il-bżonnijiet mill-ħanut tal-ħabs.
George Busuttil
Chairperson
Tel. 9946 3324
5 ta’ Diċembru 2012